Digiqole ad

DIRETTIVI RIGWARD MIŻURI TA’ PREVENZJONI TA’ TIXRID TAL-IMXIJATAL-COVID-19 WAQT QUDDIES BIL-PREŻENZA TAL-PUBBLIKU

 DIRETTIVI RIGWARD MIŻURI TA’ PREVENZJONI TA’ TIXRID TAL-IMXIJATAL-COVID-19 WAQT QUDDIES BIL-PREŻENZA TAL-PUBBLIKU
  1. INTRODUZZJONI

1.1 B’konsultazzjoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-Isqfijiet ħarġu dawn id-direttivi rigward ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-preżenza tal-poplu, filwaqt li tibqa’ tittieħed kull prekawzjoni possibli biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19. L-ispirtu ta’ dawn id-direttivi hu li jkun hemm mod li ma jipperikolax kemm is-saħħa tal-individwu kif ukoll is-saħħa pubblika.

1.2 Fil-każ tal-knejjes, minħabba l-preżenza ta’ numru ta’ nies vulnerabbli, hu importanti ħafna li jittieħdu il-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa.

1.3 Dawn il-miżuri huma konformi mal-obbligi stipulati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar il-ftuħ ta’ postijiet ta’ qima. (Ara id-dokument COVID-19 Guidance for the re-opening of faith-based places of worship and Services).

2. DEFINIZZJONIJIET

2.1 Distanza ta’ sigurtà (social distancing): id-distanza mitluba mill-Awtoritajiet tasSaħħa li għandha tinżamm bejn persuna u oħra. Din ma tgħoddx għall-persuni li jgħixu fl-istess dar.

2.2 Maskra: b’konformità mal-avviż legali 402 tal-2020, maskra tirreferi għal maskra medika jew tad-drapp jew visor. Wara li ġie stabbilit li l-maskra tagħti protezzjoni aktar mill-visor, l-użu ta’ maskra hu preferut. Il-maskra jew visor għandhom jagħttu l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum.

3. APPLIKABILITÀ

3.1 Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ mis-16 ta’ Novembru 2020 u jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun hemm direttivi oħra mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi.

4. Il-POST TAĊ-ĊELEBRAZZJONI U L-IMMANIĠJAR TIEGĦU

4.1 L-aċċess għall-postijiet fejn isiru ċelebrazzjonijiet liturġiċi għandu jsir b’mod li jiġi evitat l-iffullar tan-nies u tiġi rrispettata distanza ta’ sigurtà f’kull mument.

4.2 Ma’ kull entratura għandu jkun hemm sanitiser għall-użu tal-pubbliku.

4.3 Għandu jkun hemm tabella li tagħti informazzjoni rigward miżuri essenzjali li għandhom jinżammu f’dak il-post. Dan l avviż għandu jkun skont dak provdut mill Arċidjoċesi.

4.4 Fil-post fejn issir iċ-ċelebrazzjoni, m’għandhomx jiddaħħlu aktar minn persuna waħda għal kull 4 metri kwadri tal-post fejn joqgħod l-poplu. Il-postijiet fejn joqgħod il-poplu għandhom ikunu immarkati biex jiggwida lin-nies fejn jistgħu joqogħdu. B’hekk jiġi determinat in-numru massimu ta’ nies permessibbli fil-post.

4.5 Quddies jista’ jsir fil-miftuħ kemm il-darba l-ammont ta’ nies ma jaqbiżx it-300.

4.6 Għandu jkun hemm ventilazzjoni skont dak rakkomandat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

4.7 Bejn persuna u oħra għandha tinżamm distanza ta’ sigurtà, b’eċċezzjoni għall-persuni li jgħixu fl-istess dar.

4.8 F’kull post fejn jinġemgħu n-nies għandu jkun hemm marki biex jindikaw l-ispazju li jrid jinżamm bejn persuna u oħra.

4.9 Kotba, karti, fuljetti, eċċ, li jerġgħu jintużaw minn diversi persuni għandhom jitneħħew minn kull fejn hemm aċċess għall-pubbliku. Għandu jkun hemm biss tabelli indikatorji. Informazzjoni għandha tingħata b’mezzi alternattivi.

4.10 Fejn ikun hemm toilets aċċessibbli, dawn għandhom jiġu diżinfettati kuljum. Għandu jiġi provdut sapun likwidu adegwat u m’għandhomx jintużaw xugamani iżda karti biex jixxottaw l-idejn.

4.11 Għandu jkun hemm ‘non-touch’ dustbins, fit-toilets u madwar il-post. Min jieħu ħsieb it-tindif għandu jkollu tagħrif u taħriġ dwar l-immaniġjar tal-iskart.

4.13 Għandu jkun hemm sanitiser f’diversi postijiet skont il-ħtieġa.

4.14 Il-fontijiet tal-ilma mbierek għandhom jitħallew vojta.

5. SERVIZZI TAL-USHERS

5.1 Għandu jkun hemm servizz ta’ ushers skont il-ħtieġa. L-ushers għandhom ikunu identifikabbli, eż. permezz ta’ tags. Dawn għandhom jilbsu maskra. L-ushers għandhom jevitaw kull kuntatt fiżiku mal-membri tal-kongregazzjoni.

5.2 Ix-xogħol tal-ushers ikun: jfakkar fl-użu tal-maskri u li tintlibes tajjeb, jieħdu jew jaraw li ttieħdet t-temperatura ta’ kull min jidħol fil-knisja, jiggwidaw lin-nies fid-dħul u fil-ħruġ, jaraw li ma jinqabiżx il-limitu ta’ nies li jistgħu jkunu fil-post fl-istess ħin, u jindikaw lin-nies il-post tagħhom.

5.3 In-nies għandhom joqogħdu fil-post assenjat lilhom u fl-ebda parti tal-post m’għandu jkun hemm nies bla bżonn.

6. DIRETTIVI GĦAL MIN JATTENDI ĊELEBRAZZJONI LITURĠIKA

6.1 Fid-dħul tal-post fejn issir iċ-ċelebrazzjoni, għandha tiġi meħuda t-temperatura, inkluż ta’ min ikun ser jagħti servizz, u jiġi applikat sanitizer. It-temperatura għandha tittieħed permezz ta’ termometri li ma jeħtiġux kuntatt mal-persuna. Il-persuna għandha toqgħod bilqegħda fil-post indikat.

6.2 Kull min jidħol għandu jirrispetta d-direttivi dwar d-distanza ta’ sigurtà u iġjene u għandu jilbes il-maskra b’mod tajjeb il-ħin kollu.

6.3 Persuni b’sintomi respiratorji jew ta’ influwenza jew li suppost jinsabu taħt kwarantina mandatorja jew suġġerita skont id-direttivi tal-Awtorità tas-Saħħa u min ikollu temperatura ta’ 37.2°C jew ogħla (jew ekwivalenti), ma jitħallewx jidħlu. Dan għandu jsir b’mod diskret biex kemm jista’ jkun.

7. IĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA

7.1 Qabel tibda l-preparazzjoni għall-Quddiesa, il-persuna li tkun qed tipprepara għandha taħsel idejha bis-sapun jew tapplika sanitiser u tkun liebsa maskra matul il-ħin kollu. F’dan il-każ, ma għandux jintuża il-visor. Il-preparamenti għandhom isiru f’daqqa u l-persuna m’għandhiex tagħmel affarijiet oħra waqt li tkun qed tipprepara. Għandha tingħata attenzjoni li ma jintmessewx oġġetti bla bżonn. L-ostji għandhom jitqiegħdu fil-pissidi mingħajr ma jintmissu.

7.2 Il-Quddiesa għandha ssir bid-devozzjoni mitluba iżda m’għandhiex tieħu iktar ħin milli meħtieġ.

7.3 Is-saċerdot għandu jkun liebes maskra l-ħin kollu, kemm fil-knisja kif ukoll fissagristija. Iċ-ċelebrant jista’ jinża l-maskra waqt li jkun fuq il-Presbiterju imexxi ċ-ċelebrazzjoni.

7.4 Fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas fl-għoti tal-paċi.

7.5 Hu suġġerit li operaturi pastorali li huma vulnerabbli ma jagħtux servizz, b’mod speċjali f’dawk l-oqsma fejn jiġu f’kuntatt mill-qrib ma’ persuni oħra, per eżempju, ministri straordinarji tat-tqarbin jew ġbir waqt il-quddies.

7.6 Hu preferut li l-quddiesa tkun animata b’mużika strumentali. Meta jkun xieraq li jsir il-kant, l-ewwel preferenza għandha tkun għal solist akkumpanjat minn xi mużiċisti. Dawk li qed janimaw, bejn solist u mużiċisti, ma għandhomx ikunu aktar minn 6 minn nies u għandhom iżommu distanza ta’ 2.5 metri minn xulxin (b’eċċezzjoni għall-membri mill-istess household) u mill-kongregazzjoni. Waqt il-kant, dawn jistgħu ma jkunux libsin maskra.

7.7 Tajjeb li l-lettur jkollu sors tal-qari għalih (eż. print out/Kelma Kuljum,) biex ma jintużax l-istess ktieb. Fejn hu possibbli m’għandux jintuża l-istess mikrofonu. Jista’ jintuża wkoll ambone ieħor biex il-lettur u s-saċerdot ma jagħmlux użu mill-istess wieħed. Il-lettur għandu japplika sanitiser qabel jitla’ u wara li jinżel mill-ambone/artal.

7.8 Hu permess li l-lettur jinża il-maskra waqt li qed jaqra.

7.9 Waqt iċ-ċelebrazzjoni ma għandhomx iduru qfief minn id għal oħra għall-ġbir iżda għandu jkun hemm persuna li ddur b’kopp jew reċipjent jew titħalla kaxxa apposta f’post addattat fil-knisja għal dan il-għan. Dan għandu jiġi diżinfettat wara kull darba li jintuża. Tajjeb li wara li l-persuna tagħti l-offerta tagħha, tapplika sanitizer li jkollha magħha. Min jiġi f’kuntatt mal-flus miġbura, għandu japplika sanitiser malli jlesti. Huwa rakkomandat li l-flus miġbura jinżammu
apparti għal 48 siegħa qabel jingħaddu.

7.10 Hu rakkomandat li ma jittellgħux offerti waqt il-quddiesa imma jkunu preżenti fuq l-artal minn qabel.

7.11 Ħlief dik tas-saċerdot, l-ostji għandhom ikunu mgħottija l-ħin kollu inkluż waqt il konsagrazzjoni. Mhux bilfors jiġu kkonsagrati ostji għall-pubbliku f’kull Quddiesa.

7.12 Qabel it-tqarbin, min se jqarben irid jkun liebes maskra, u wara li jitqarben hu, jaħsel idejh bis-sanitiser skont il-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa qabel ma jqarben lill-poplu.

7.13 In-nies m’għandhomx joħorġu minn posthom għat-tqarbin imma min ser iqarben għandu jmur iqarben lin-nies f’posthom. Dawk li jixtiequ jitqarbnu għandhom juru x-xewqa tagħhom waqt it-tqarbin. Meta jasal il-ħin tagħhom biex jitqarbnu għandhom joħorġu idejhom ’il bogħod minnhom. Il-persuni li se jitqarbnu jistgħu jagħżlu li jġibu magħhom u japplikaw sanitiser fuq idejhom qabel ma jitqarbnu.

7.14 Min qed iqarben m’għandux jgħid “Il-Ġisem ta’ Kristu” waqt li qed jagħti l-Ewkaristija lill-poplu. Min jirċievi l-Ewkaristija ma għandux jgħid Ammen.

7.15 It-tqarbin għandu jsir biss fl-idejn u għandu jiġi evitat kuntatt ma’ min qed jitqarben. F’każ li jsir kuntatt mal-persuna l-oħra, min qed iqarben għandu jerġa’ japplika s-sanitiser.

7.16 Il-ħruġ tal-poplu jsir fl-ordni ħalli jiġu evitati li jinġemgħu gruppi ta’ nies jippruvaw joħorġu.

7.17 F’każ ta’ konċelebrazzjoni, il-konċelebranti għandhom jitqarbnu per intinctionem qabel ma’ ċ-ċelebrant jew xi ministru ieħor jixrob mill-kalċi. Jistgħu wkoll jintużaw aktar minn kalċi wieħed. L-ostji tal-konċelebranti għandhom ikunu f’ċiborju apparti u mgħotti l-ħin kollu.

8. TINDIF

8.1 Fi tmiem ta’ kull ċelebrazzjoni, għandhom jiġu diżinfettati l-oġġetti u paramenti sagri (impulluzzi, kalċi, pjaneti, eċċ), is-sedja, u l-mikrofoni li jintużaw miċ-ċelebrant jew nies oħra kemm-il darba jkunu ser jintużaw minn persuni differenti. Il-purifikaturi u l-lavabo jridu jinbidlu wara kull quddiesa. Ħlief f’każijiet ta’ eċċezzjoni, is-saċerdot għandu juża’ l-paramenti sagri u l-kalċi tiegħu.

8.2 Il-ħasil tal-knisja, inkluż it-tindif tal-bankijiet u siġġijiet għandu jsir b’diżinfettanti
b’mod regolari.

8.3 Kull ħasil u diżinfettar fi knejjes għandu jsir skont in-normi mogħtija mill-kurja li filwaqt li jassiguraw dak li meħtieġ biex tiġi priservata s-saħħa pubblika, jaraw li ma ssirx ħsara lill-opri ta’ arti li jinsabu fil-knejjes u li huma patrimonju tal-poplu Malti.

9. SAGRAMENTI

9.1 QRAR

9.1.1 Dan is-sagrament għandu idealment jiġi amministrat permezz ta’ appuntament.

9.1.2 Is-sagrament tal-qrar għandu jkun amministrat f’post li jirrispetta l-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa, primarjament dik tad-distanza, filwaqt li jirrispetta r-riżervatezza mitlub mis-sagrament. Is-saċerdot u l-persuna li qed tqerr Iridu jkunu liebsa maskra. Għandu jkun hemm screen protettiv bejn ilpenitent u s-saċerdot.

9.2 MAGĦMUDIJIET

9.2.1 F’dan iż-żmien, tibqa’ tapplika d-dispensa mis-simboli tar-rit tal-effetah u tintuża tajjara differenti kull darba li jiġi applikat iż-żejt. L-ilma mbierek li jintuża fil-magħmudija m’għandux jerġa’ jintuża.

9.3 FUNERALI

9.3.1 Funerali praesente cadavere jistgħu jsiru, anki għall-vittmi tal-Covid-19, kemm-il darba jitħarsu dawn id-direttivi dwar ċelebrazzjonijiet liturġiċi kif ukoll dawk tal-Awtorità tas-Saħħa, inkluż dwar id-distanza ta’ sigurtà li għandha tgħodd f’kull ħin.

10. OĦRAJN

10.1 Id-dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd tibqa’ fis-seħħ. Madankollu l-familji u ż-żgħażagħ huma mħeġġa jiċċelebraw Jum il-Mulej billi jattendu l-quddies.

10.2 Mhux eskluż li xi knejjes jagħżlu li jimplimentaw miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali f’parti mill-knisja jew fil-knisja kollha, għal waqt Quddiesa partikolari jew għall-Quddies kollu. Dawk li jattendu għal dawn il-Quddies jew jidħlu fil-parti tal-knisja imsemmija, huma obbligati li jirrispettaw il-miżuri mitluba, anki jekk dawn huma aktar ristretti minn dak mitlub mill-liġi.

11. XBIHAT DEVOZZJONALI

11.1 Fil-postijiet fejn hu normali li numru ta’ nies jinġabru biex jesprimu d-devozzjoni tagħhom, għandu jiġi mmarkat mal-art, post fejn jistgħu jieqfu biex filwaqt li jesprimu d-devozzjoni tagħhom, ikunu qed josservaw id-distanza ta’ sigurtà. Dawn ix-xbihat u l-post fejn huma merfugħin m’għandhomx jintmessu min-nies, u lanqas mhu permess li jitbiesu. Dan għandu jkun indikat b’mod ċar permezz ta’ tabelli.

Digiqole ad

Related post

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *